‘X’Nistennew fil-Bagit 2011’

2 ta’ Ottubru 2010

 

 

Id-diskussjoni pubblika dwar il-Baġit ittellgħat fi 2 ta’ Ottubru 2010 ġewwa 60a, Triq id-Dejqa, l-Belt Valletta u kienet s-sittax mis-sensiela ta’ diskussjonijiet pubbliċi dwar temi politiċi u soċjali li qed jiġu organizzati minn Żminijietna.

Il-kelliema prinċipali kienu Toni Zarb (GWU), Gejtu Vella (UHM), John Bencini (FOrum Unjins Maltin) u Moses (Kunsill Nazzjonali tal-Pensjonanti). Mexxa d-diskussjoni l-ġurnalista James Debono

James Debono saqsa lill-Kelliema preżenti, “l-fatt li l-imsieħba soċjali, kull sena qed joħorġu bil-proposti, dana qed jwassal għal xi ħaġa? X’inhuma l-proposti l-aktar kruċjali li tistennew li jkunu nklużi fil-baġit 2011?”.

Moses qal li meta tqies li l-popolazzjoni anzjana qiegħda dejjem kullma jmur tikber u aħna sa llum m’ ahniex rappreżentati f’MCESD biex niddiskutu l-Baġit, dana diġa jirrifletti ħażin. Filfatt sa 2020 ser jkun hemm ħafna aktar votanti fuq il-ħamsin sena milli anqas mill-ħamsin. Nemmnu li l-Gvern għandu jagħmel kontroll fuq l-infieq u dħul tiegħu. Ma’ naqblux li jitnaqqsu l-benefiċċji, imma naqblu li jinqata’ l-abbuz.

Ma naqblux li l-irtirar mix-xogħol għandu jkun mandatorju. L-eta ta’ l-irtirar m’ għandiex tinħadem ma’ kemm il-bniedem jgħix imma ma’ kemm huma l-‘Healthy years’. Studju dwar l-aħħar għaxar snin juru li snin żdiedu, imma l-‘Healthy years’ baqgħu l-istess. Studji oħa juru li ‘Dementia’ ser tiżdied madwar l-UE, din ser jkollha effett dirett fuq l-eta ta’ l-irtirar. Ħaddiema ta’ eta il-fuq minn 59+ li jaħdmu f’xogħol ‘skabruż’ għandhom jingħataw xogħol alternattiv (light) u d-differenza fil-paga, f’kaz ta’ tnaqqis, għandha tkun issussidjata mill-Gvern. Spanja din qed titħaddem.

Jidher li biex ngħelbu l-problema ta’ faqar fil-ġenerazzjoni anzjana ser tkun ħafna aktar diffiċli. Ir-rata Ewropeja hija ta’ 19% u f’Malta rata laħqet 22%. Nemmnu li dħul minimu adegwat tal-pensjoni ma’jistax jkun inqas minn 60% ta’ dħul medju.

Gejtu Vella (UHM) tkellem favur id-djalogu soċjali. Nemmen li għandu jsir stock taking ta’ proposti li daħlu fil-baġits preċedenti u li għadhom ma’ twettqux fil-miri tagħhom. Il-Gvern għandu jżomm mal-wegħda li darba kull tlett xhur jitlaqqa l-MCESD biex ssir evalwazzjoni dwar l-andament ta’ l-ekonomija u jsir skrutinju ta’ dawk il-proposti li qed jiġu relegati. Naraw li l-aspetti soċjali f’Malta qed jiġu rrelegati għat-tieni klassi f’Malta. Għadna nipproduċu żagħżagħ li lanqas jafu jiktbu u jaqraw, dawn x’ser isir minnhom. Il-problema li naraw wkoll fuq livell Ewropew hu li l-partiti politiċi ta’ ċentru qed jiċċaqalqu u jmorru aktar lejn il-lemin, askapitu ta’ l-aspetti soċjali.

John Bencini (MUT) enfasizza li sa llum l-FOrum għadu mhux rappreżentat fl-MCESD. L-FOrum hu ffurmat mill- 11 il-Unjin, u jidher li l-Gvern qed jiġi jaqa’  u jqum minnha.  Din mhi xejn ħlief politika ta’ esklussivita. Rappreżentant mis-‘ Social dialogue Ewropej’  wkoll baqa’ skantat b’dak li qed isir magħna mill-Gvern. Nappellaw biex il-Unjins jappoġġjaw it-talba tagħna.

Fil-Pre baġit dokument, il-Gvern qal li jrid jagħmel aktar enfażi fuq l-Edukazzjoni u s-Saħħa. Il-Problema li naraw hi li fl-Edukazzjoni 4 minn kull 10 mhux qed jkomplu l-iskola wara sekondarja, hekk kienet 5 snin ilu, u hekk inhi llum.  2000 tifel u tifla lanqas is-Sekondarja ma’ jkunu għamluha kollha. Dawn l-affarijiet qed jitfgħu lura l-pajjiż biex jilħaq il-miri ta’ Liżbona. L-assenteizmu hija problema u saħta, u l-Gvern qed joħlom meta jgħid li ser jilħaq il-mira ta’ 85% minn 60%, meta llum għadna lanqas bdejna. Fl-Edukazzjoni, investiment irid isir mhux ‘cuts’, iġifieri hemm bzonn ta’ aktar investiment fir-risorzi umani.

Rigward il-ħinijiet ta’ l-iskola, bħala FOrum naqblu ma’ sistema if mħaddma mill-‘Education for Educational Services’, fejn dawn qed joffru taħrig f’diversi oqsma wara l-ħin tal-iskola fosthom fid-drama, il-mużika etc, imma li jiżdied il-ħin ta’ l-iskola obbligatorja, din aħna kontriha. Jekk tiddaħħal din toħloq tbatija żejda fuq il-ġenituri u t-tfal. Irridu nifhmu li għalliema huma ġenituri wkoll u t-tfal ikollhom il-homework x’jagħmlu.

Nemmnu li l-aspett soċjali għandu jingħata l-importanza mistħoqqa fil-baġit, speċjalment il-kontijiet esaġerati tad-dawl u l-ilma. Il-Faqar F’Malta qed kullma jmur jiżdied.

Tony Zarb (GWU) qal li jaqbel ma’ djalogu soċjali imma dan ma’ għandux jkun djalogu soċjali falz jew farsa. Bħala Unjin naqblu li Gvern għandu jiltaqa’ ma’ l-imsieħba soċjali kull tlett xhur, kif filfatt kien ġie maqbul bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali fl-MCESD. Filfatt il-Gvern kellu jiltaqa’ magħna biex jgħidilna x’sar mill-proposti tal-baġits preċedenti qabel ma niddiskutu l-proposti għall-baġit li jmiss. Nemmnu li l-Baġit li jmiss għandu jtaffi l-piżijiet li ntefgħu fuq il-poplu, qed nappellaw lil gvern għall-Baġit b’ruħ soċjali”.

Iż-żieda tal-Cola mhiex biżżejjed biex tagħmel tajjeb għaż-żieda fil-prezzijiet ta’ dawl u l-ilma. Fil-kaz tal-pensjonijiet nemmnu li l-ewwel li għandna nindirizzaw huma l-anomaliji li jezistu fil-pensjonijiet, qabel ma’ mmorru biex niddiskutu t-tieni pilastru. Ix-xogħol prekarju hu problema oħra li qed jiffaċċjaw il-ħaddiema. Jezistu ħaddiema li lanqas il-‘cost of living increase’ mhu qed jingħata lilhom. Ħafna oħrajn lanqas qed iħalluhom jissieħbu fi trejdjunjin.
 
Aħna qed naraw li hu l-Gvern stess li qed jippromwovi x-xogħol prekarju, bil-kuntratti tiegħu u bl-ingaġġ ta’ ħaddiema ‘self employed’. Il-Gvern m’għandux iħalli lil min jikser il-liġi u jrid jkun ta’ eżempju. 

Gejtu Vella (UHM) kompla biex qal li fuq nota pożittiva, l-pajjiż irnexxielu jżomm il-ħaddiema fil-postijiet tax-xogħol. Imma bħala Unjin nemmnu li ma’ jistax ikollok ekonomija b’saħħitha, jekk int tinjora il-qagħda soċjali u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, l-istess ta’ dawk refuġjati. Il-Gvern kien wiegħed, fil-baġit preċedenti, li mhux ser jimpjega aktar ħaddiema miegħu fuq bażi ta’ ‘self employed’. Sa llum din ġiet injorata.

Naqblu li dawk ir-refuġjati li jistgħu jaħdmu għandhom l-ewwel jirreġistraw ma’ ETC u entrepreneur jeħodhom minn hemm u mhux kif isir illum direttament mit-toroq tal-Marsa. Dan għalina mhu xejn għajr ‘social dumping’, u hu theddida diretta ma’ dawk il-ħaddiema li jgawdu minn kundizzjonijiet diċenti.

 

John Bencini (MUT) kompla billi qal li x-xena tal-Marsa tagħti ‘bad impression’ tal-pajjiż u għalija hija diqa. Il-Gvern għandu jindirizza din mill aktar fiss sabiex dawn il-ħaddiema jkunu regolati. MUT taqbel mall-proposta ta’ UHM dwar l-emigrazzjoni u xogħol.

Tony Zarb (GWU) għamel referenza għall-proposta ta’ UHM, fejn qal li hu jaqbel ma’ l-proposta li l-emigranti jirreġistraw direttament ma’ ETC, bid-differenza li flok il-paga tmur l-ETC, din tmur ‘Dar l-Emigranti’ u l-emigrant jiġborha minn hemm. Kompla biex qal li ma’ għandniex nilludu ruħna li l-kundizzjonijiet ħziena tax-xogħol huma attribwiti biss ma’ ħaddiema emigranti,  fosthom hemm ukoll ħaddiema Maltin u ħaddiema mill-Ewropa tal-Lvant.

Aħna nafu li suppost ħaddiem jekk iweġġa, is-sid responsabli tiegħu, la qed jaħdem miegħu u jien nsaqsi, “ Dak il-ħaddiem emigrant li miet il-Mellieħa ftit ta’ snin ilu, fuq il-post tax-xogħol u min iħaddmu qallhom li lanqas biss kien jafu lil dan, u kollox baqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn, fejn lanqas inkjesta ma saret.”

David Pisani minn Żminijietna - Leħen ix-Xellug qal li kienet ħaġa pożittiva l-fatt li l-Unjins Ewropej fl-aħħar stembħu li ma’ jistax jkun li l-Gvernijiet jibqgħu għaddejjien bil-miżuri ta’ awsterita u l-fatt li l-Unjins kollha f’Malta qegħdin jappellaw għall-baġit soċjali. F’Malta il-miżuri ta’ awsterita daħħlu baxx baxx, mhux fil-baġits imma, matul is-sena. Nistaqsi jien lil Unjins, x’qed nifhmu meta ngħidu li rridu Baġit li jħares l-aspett soċjali?

Aħna nemmnu li servizzi li huma essenzjali għandhom jibqgħu jiġu garantiti mill-Istat. Aħna favur sussidji li jipproteġi l-aspett soċjali, fosthom fl-użu tal-gass domestiku. Kif ukoll nemmnu li servizzi soċjali għandhom jibqgħu pubbliċi. Hawnhekk nara nuqqas minn naħa tal-Unjins favur din it-tip ta’ politika.

Il-problema tal-Housing għadha magħna u teħtieġ attenzjoni. Ix-Xoghol Prekarju jista’ jiġi ndirizzat biss, billi l-ewwel nett il-Unjins jersqu iktar viċin lejn xulxin, u mhux jaħdmu kontra xulxin. Il-pass sabiex il-FOrum jissieħeb fl-MCESD għandu jkun l-ewwel pass li jgħaqqad il-Unjins flimkien u hawn nappella l-UHM biex jappoġġja lil FOrum. Huwa tajjeb li nifmhu li t-Tnaqqis fit-taxxa hu ta’ detriment għal sostenibilita tal-Welfare state. Fil-kaz ta’ tariffi ta’ dawl u l-ilma għandha ssir riforma fejn il-Gvern jippenalizza l-ħela u mhux l-konsum bażiku.   

Gejtu Vella għamel referenza għall-kwistjoni ta’ FOrum Unions Malti u saqsa “imma l-FOrum biss jistgħu jagħtu kontribut fl-MCESD? Imma allura liema rappreżentanti oħra għandhom jkunu msieħba fl-MCESD?. Imma ejja niddeċiedu. Għaliex għandna ninkludu lil dawn u lil dawn le, meta hemm oħrajn li nemmen li jistgħu jagħtu kontribut fl-MCESD fosthom il-pensjonanti, il-bdiewa, is-soċjeta ċivili etc.”

John Bencini (MUT) irribatta u qal li meta twaqqaf l-MCESD, l-iskop kien li jkollok tre-partied, iġifieri rappreżanti tal-Gvern, Min Iħaddem u l-Unjins. L-Unjins u rappreżentanti ta’ Min Iħaddem huma lkoll msieħba f’konfederazzjoni. Aħna bħala Unjin ser nibqgħu naħdmu sabiex nkunu mseħbien fl-MCESD. Din id-deċizjoni jrid jeħodha l-Gvern peress li ma’ hemm xejn fil-liġi jew fil-minuti li jgħidlek li trid xi permess jew kunsens ta’ xi ħadd mill-MCESD, imma biss il-kunsens tal-Gvern. Il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Ghawdex wkoll qed jappellaw il-Gvern sabiex jkunu msieħba fl-MCESD.

Tony Zarb (GWU) qal li sa llum in-naħa tal-ħaddiema għandha żbilanċ fl-MCESD, fejn għandek ħames rappreżentanti ta’ min Iħaddem u erbgħa minn naħa tal-haddiema. Iġifieri hemm post ieħor li jista’ jimtelgħa mill-FOrum. Imma ma dan irridu naraw it-tibdil li għandu bżonn isir fl-MCESD. Irrid nfakkar li sentejn ilu l-GWU resqet proposta fejn proponejna li  l-MCESD nagħmluh jaħdem bħall-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ta’ l-Unjoni Ewropeja, fejn fih nsibu rappreżentanti tal-Ħaddiema, ta’ Min Iħaddem u l-NGOs, fejn anka l-pensjonanti jiffurmaw parti minn dan il-Kunsill.

Michael Camilleri (parteċipant) qal li jiddispjaċih meta jara Trejdjunjins jaħdmu kontra xulxin, aħseb u ara kemm qatt jista’ jkollna TUC. Feraħ wkoll lil GWU li attendiet fi Brussel biex timmanifesta spalla ma’ spalla ma’ ETUC kontra l-miżuri ta’ Awsterita. Nemmen li hemm minn għandu nteress li MCESD jżommuha żbilancjata sabiex il-Gvern jagħmel li jrid. Il-Cola nemmen li għandha tingħata sħiħa lill-pensjonanti.

Alfred Vella (parteċipant) qal li jemmen li fil-baġit li ġej il-Gvern għandu jinkludi proposti għal riforma fil-pensjoni bazika li tkun waħda adegwata. Il- paga minima nazzjonali għandha tkun diċenti u mandatorja mill-Gvern. Dawn it-tnejn imorru flimkien. Il-‘purchasing power’ qed kullma jmur jonqos. “Ikun b’saħħtu l-pajjiż, daqs kemm ikollok ċittadini b’saħħithom. Mhux veru li jekk jogħlew il- pagi jiżdied il-qgħad, kieku l-pajjizi Afrikani mifqugħin bl-investiment”. Nemmen li ‘social wage’ għandha titħaddem mill-Istat bħala inċentiv lil Min Iħaddem biex jakkwistaw l-aħjar ħaddiema u b’hekk nkunu qed niġġeneraw xogħol b’kundizzjonjiet tajba ħafna.

Moses (Kunsill Nazzjonali tal-Pensjonanti) qal li għandu jkun hemm kalkoli differenti għal anzjani, fejn fihom jiġi kkalkolat b’mod realistiku l-għoli tal-ħajja u ‘retail price index’. Il-fatt li rata tal-faqar fl-anzjani żdiedet minn 16% ghal  22% hu ta’ min jitħasseb. Kunċett tajjeb li nistgħu nirriċerkaw biex naddottaw f’Malta huwa l-kunċett bl-isem ta’ ‘Reference Budget for Social Inclusion’. Kunċett mħaddem tajjeb fi Danimarka u l-iSvezja. Preżentament  fuq livell Ewropew qed nitkellmu ma’ rappreżentanti tagħna sabiex jaħdmu sabiex tidhol fis-seħħ bħala direttiva żieda fil-paga minima. Li tkun l-ekwivalenti ta’ 60% ta’ ‘median wage’ biex niġġieldu l-problema tal-Faqar fl-Ewropa. Aħna bħala Assoċjazzjoni m’aħniex kontra ‘second pillar’, imma l-ewwel irridu naraw li nsaħħu l-pensjoni bażika sabiex il-bniedem jghix diċenti. (first pillar). Fl-Irlanda meta l-Gvern daħħal is-‘second pillar’ fuq bażi volontarja rreġistraw għalih 20% tal-ħaddiema. Biex jitħaddem is-‘Second Pillar’ nemmen li l-Gvern għandu jkun hu regulatur, fejn il-Gvern jidħol u jamministra hu ‘second pillar’. Imma qabel irridu naraw xi jridu l-ħaddiema u mhux xi jridu l-istituzzjonijiet finanzjarji.

Gejtu Vella (UHM) qal li meta nitkellmu fuq sussidju, irridu nifhmu li dana nkunu qed nħallsu għalih aħna. Kont iktar nippreferi li jkollna kontroll fuq in-nefqa.  Ez fit-teħid tal-mediċni fejn hemm abbużi kbar u ħela. Minn naħa tagħna aħna bgħatna wkoll rappreżentant mill-CMTU sabiex jipparteċipa fid-dimostrazzjoni ta’ Brussel.

Tony Zarb (GWU) kompla biex qal li jkun tajjeb li l-Unjins jieħdu l-eżempju ta’ sħabna Unjins fi Brussel u jagħmlu l-istess f’Malta meta jsiru dimostrazzjonijiet u mhux jużaw kejl differenti.

Fl-Gheluq l-Organizzazzjonijiet għal mistoqsija ta’ James Debono dwar ‘living wage’, lkoll saħqu li din hija proposta tajba, li tajjeb li nibdew nikkunsidrawha u nistudjawha. Imma lkoll qablu li l-ewwel enfażi għandha ssir sabiex tiżdied il-paga minima, bl-eccezzjoni ta’ UHM fejn din qed tissuġġerixxi li l-ħaddiema kollha bil-paga minima għandhom jingħataw xi forma ta’  taħrig, u jingħataw ‘allowance’ waqt li jkunu qed jitħarrgu. Dana jgħin biex l-istess ħaddiema jinqalgħu mill-posizzjoni preżenti tagħhom f’dik li hi dħul tal-paga u x-xogħol.

 

budget2011

Lura ghall-pagna: Diskussjonijijiet Publici