Diskussjoniji Publika - Ir-Razzizmu f’Malta

14 ta’ Jannar 2006

 

Id-diskussjoni dwar ir-razzizmu f’Malta sehhet fl-14 ta’ Jannar 2006 kienet it-tielet mis-sensiela ta’ diskussjonijiet pubblici dwar temi politici u socjali li qed jigu organizzati minn Zminijietna.

F’din id-diskussjoni, il-kelliema kienu Dr Josann Cutajar (Socjologa fl-Universita’ ta’ Malta), Patri Mark Montebello,  Stephen Cachia  (Segretarju Generali u Kelliem ta’ Alternattiva Demokratika) u Dr Karmenu Mufsud Bonnci (President tal-Kampanja Helsien Nazzjonali). Id-diskussjoni giet immexxijja mill-gurnalist ta’ Malta Today James Debono.

Dr Josann Cutajar qalet li d-definizzjoni tar-razzizmu jinbidel tul l-istorja u minn socjeta’ ghall-ohra. Per ezempju, fl-Ingilterra fis-seklu dsatax kien popolari is-Social Darwinism.  “Izda m’hemm l-ebda evidenza xjentifika li turi li hemm xi ‘razza’ superjuri ghal ohra”, sostniet Dr Cutajar. 

Hija qalet li fis-socjologija il-kuncett ta’ etnicita qieghed jintuza minhabba li r-razzizmu jezisti gewwa kuntest ta’ kulturi, religjonijiet, nazzjonijiet, immigrazzjoni, lingwa, u fatturi ohra.  Fis-socjeta’ jinholoq il-kuncett ta’ ‘Ahna’ u ‘Huma’ biex xi kategoriji ta’ nies jigu sfruttati. Per ezempju, nies f’ minoritajiet etnici tas-spiss jigu sfruttati fid-dinja tax-xoghol. Semmiet kif anke l-Ghawdxin gieli huma vittmi ta’ din it-tip ta’ qasma, minhabba li f’bosta kazjijiet jaqilghu inqas mill-Maltin.

F’dak li ghandu x’jaqsam mad-dhul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, Dr Cutajar qalet li d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali hija bbazata fuq il-kulur tal-gilda u hij limitata ghall-pajjizi msiehba fl-Unjoni. Fl-2004 gew introdotti regoli godda biex jigu nkluzi wkoll nies li qeghdin fl-Unjoni Ewropea li gejjin minn pajjizi minn barra l-Unjoni.  Skond id-Direttiva, Malta ghandha jkolla kummissjoni dwar ir-razzizmu izda s’issa din ghadha ma gietx introdotta. Dr Cutajar sostniet li l-edukazzjoni u l-media ghandhom rwol importanti f’din il-kwistjoni.

Dr Cutajar qalet ukoll li permezz ta’ shubija fl-UE, Malta kellha taghmel tibdil fil-ligijiet dwar l-ugwaljanza fuq kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni fuq bazi ta’ orjentazzjoni sesswali, nies b’dizabilita’ u sess.

James Debono saqsa lill-Dr Karmenu Mifsud Bonnici jekk in-nazzjonalizmu tas-CNI u s-solidarjeta’ mat-tielet dinja humiex rikonciljabli.

Dr Karmenu Mifsud Bonnici qal li r-razzizmu ghandu jigi kkundannat minghajr ebda rizerva. Izda fl-istes hin hemm bzonn tmexxija soda fil-pajjiz, u l-ewwel obligazzjoni tal-Gvern ghandha tkun lejn ic-cittadini tal-pajjiz. L-ewwel priorita’ tas-servizzi socjali ghandha tkun lejn il-Maltin, qabel kull barrani ta’ kwalunkwe nazzjonalita’. “Ghandu jkun hemm sens ta’ dinjiita’ lejn kulhadd izda l-priorita’ tibqa’ lejn ic-cittadini, fil-kuntest socjo-ekonomiku tal-pajjiz,” sahaq Dr Mifsud Bonnici.

Huwa qal li l-problema tar-refugjati m’hijiex wahda ta’ razzizmu. Sahaq li hadd m’ghandu jigi ddiskriminat fuq bazi ta’ razza, kulur jew twemmin izda m’hijiex haga prattika li kulhadd jiehu l-istess beneficcji.

Karmenu Mifsud Bonnici qal ukoll li l-Unjoni Ewropea hija kawza tar-razzizmu minhabba li qed tiddiskrimina bejn pajjizi membri u pajjzi ohrajn li ma jithallewx jissiehbu.

“In-natura holqitna differenti. M’hijiex prattika li nghixu f’dinja wahda. Li hu prattiku sa llum hu li l-nazzjonijiet jiddefendu lic-cittadini taghhom u jikkooperaw ma’ nazzjonijiet ohrajn. Meta nhallu l-immigranti accidentali jidhlu f’pajjizna qed immorru kontra l-interessi taghhom. Ghalhekk ghandna nghinuhom imorru fid-destinazzjoni fejn jixtiequ jmorru. Filwaqt li ghandna nzommu r-refugjati, m’ghandniex ninkoragguhom. U jekk m’ghandniex spazzju jew rizorsi ghall-immigranti l-ohrajn, ghandna nispjegawlhom li m’ghandniex post ghalihom”, ikkonkluda Dr Mifsud Bonnici.

Minn naha tieghu, Mark Montebello qal li fid-dinja jezistu seba’ razzez. “Ahna tahlita ta’ dawn, izda whud juzaw din il-kwistjoni b’mod politiku”.

Montebello qal li n-nazzjonalizmu jimplika li ghandna xi identita’ li hadd iehor m’ghandux. Hawnhekk ghamel analizi ta’ xi kurrenti li jezistu f’pajjizna. Dwar l-argumenti ta’ Norman Lowell, huwa qal li jista’ jkun hemm xi sens biologiku, izda m’hemmx logika politika.

Dwar l-Alleanza Nazzjonali Repubblikana (ANR), huwa qal li dawn m’ghandhom xejn kontra xi razza, izda jemmnu li kulhadd ghandu jibqa’ f’postu. Dan forsi jista’ jkollu xi sens politiku izda ma jaghmilx sens filosofiku. Montebello qal li ma tantx jara logika f’dan l-argument ghax in-nies jivjaggaw. F’Malta stess, bosta minn missirijietna gew minn Sqallija 2000 sena ilu. 

Montebello imbaghad tkellem dwar “nies li jemmnu fl-ugwaljanza izda fil-prattika jiddiskriminaw”. Huwa qal li din hi l-iktar pozizzjoni insidjuza, ghax filwaqt li jichdu r-razzizmu, qieghdin jiddiskriminaw. F’din il-kategorija, Mark Montebello pogga lill-Ministru Tonio Borg (PN) u lis-Shadow Minister Gavin Gulia (MLP), “li jaqblu fuq kollox”. Qal li l-Knisja Kattolika, bil-mod kif dan l-ahhar qed titkellem dwar il-gays, tista’ titpogga f’din il-kategorija wkoll.

Mark Montebello zied li ma jemminx li tezisti xi identita’. “Il-Malti ma jezistix”. Kull haga li tezisti qieghda ticcaqlaq. Per ezempju f’Malta hemm hafna tradizzjonijiet musulmani. In-nazzjonalita hija kuncett politiku u mhux fid-demm. Minhabba dan, nispiccaw niddiskriminaw fuq bazi ta’ kulur tal-gilda. “Hawn hafna falzitajiet”, sahaq Montebello.

Huwa qal ukoll li l-anti-razzisti m’ghandhomx ikunu apologetici u sempliciment jattakkaw lill-ANR u Norman Lowell. “Ghandna nattakkaw ukoll l-iskjavitu’ bajda, il-klandenistinita’”, kompla jghid, u zied li l-ANR u Lowell ghandhom punt f’din il-kwistjoni. “Il-Ghettos m’ghandhomx jigu promossi, ghax minhabba fihom bosta’ nies – bhall-Libjani f’Malta – mhux qed jigu integrati fis-socjeta’”.

Montebello qal li l-ikbar problema f’Malta hu li x-xellug spicca u li l-Partit Laburista mhux qed iwettaq ir-rwol tieghu. Fl-istess hin, il-lemin estrem qed huwa perikoluz.

Stephen Cachia tkellem dwar il-pozizzjoni ta’ l-Alternattiva Demokratika dwar din il-kwistjoni. Huwa qal li hadd m’hu jghid li ghandhom jinfethu l-fruntieri minghajr ebda forma ta’ kontroll. Huwa fatt li hawn problema, izda “Malta mhux f’bozza. Ghandna nikkonfrontaw il-kwistjoni b’mod uman”.

Cachia qal li tezisti l-biza minhabba l-insularita’, problemi ekonomici u fatturi ohrajn. Dawn il-problemi huma differenti mir-razzizmu ideologiku ta’ Norman Lowell u l-ANR, li qed isir perikoluz. “Ghandu jkun hemm dibattitu ideologiku. Ghandna nzommu f’mohhna it-tradizzjonijiet demokratici u kristjani u niftakru li perjodu twil ta’ ditenzjoni qed johloq problemi kbar”.

Stephen Cachia qal ukoll li -edukazzjoni ghandha rwol importanti. Per ezempju huwa mportanti li t-tfal jitghalmu dwar l-esperjenzi tar-refugjati.  Qal ukoll li l-ezempju ta’ l-open centres huwa wiehed tajjeb u zied li l-Greens Ewropej qed jipproponu deroga lill-Malta dwar ir-refugjati, biex dawn ikunu jistghu imorru facilment f’pajjizi ohrajn.

Fost l-interventi mill-publiku, kien hemm min sahaq li l-gheruq tal-problema hija dik li qeghdin nghixu f’sistema kapitalista fejn is-suq tax-xoghol huwa bbazat fuq l-isfruttar u l-kompetizzjoni bejn il-haddiema. Ghalhekk juza lill-immigranti bhala rizerva b’pagi baxxi u kundizzjonijiet degradanti. Ghalhekk, ghandu jkun hemm politika ta’ tibdil strutturali lejn dinja iktar gusta.

seminar_photo

sem2

Lura ghall-pagna: Diskussjonijijiet Publici