‘Is-sostenibilitá ta’ l-ilma'

3 ta’ Marzu 2012

 

Rapport dwar Diskussjoni organizzata minn Zminijietna ‘Is-sostenibilitá ta’ l-ilma’.

L-ewwel Diskussjoni Pubblika għal din is-sena li saret nhar is-Sibt 3 ta’ Marzu 2012 ġewwa ‘Dar l-Ewropa’, Triq San Pawl trattat is-sostenibilitá ta’ l-ilma. Suġġett li kull meta jkun diskuss jqajjem kontroversja, għax ngħiduha kif inhi l-ilma hu riżorsa skarsa u essenzjali fil-ħajja ta’ kuljum, u kif jgħidu “fejn ma hemmx ilma, ma hemmx ħajja”.

Dan id-dibattitu hu l-għoxrin wieħed minn meta bdew jiġu organizzati mill-Għaqda Xellugija Żminijietna. Il-kelliema prinċipali kienu l-Idrologu u Inġinier Marco Cremona, Peter Axisa li jaħdem bħala CEO ma’ l-Prodotturi  Ta’ Qali, Alfred E. Baldacchino li jaħdem fil-qasam ta’ l-ippjanar u l-immaniġġjar ta’ l-ambjent u l-Inġinier Anthony Rizzo mill-Awtoritá Maltija ta’ Riżorsi. Mexxa d-diskussjoni James Debono li fil-ħajja tiegħu jaħdem ta’ ġurnalist.
 
Alfred E. Baldacchino fetaħ id-diskussjoni billi ta’ spjegazzjoni fi ftit kliem ta’ x’inhu żvilupp sostenibbli. Hu qal hekk li “żvilupp sostenibbli għandu jassigura li kwalunkwe żvilupp jekk ħa jsir ma’ jħalliex impatt negattiv fuq l-oqsma l-oħra ambjentali, fosthom l-ilma, l-flora u fauna. Kompla biex qal li l-ilma huwa riżorsa skarsa ħafna u għalhekk tajjeb li nagħtuh dik l-importanza, għax mingħajru ma ngħaddux”. Anka jekk nħarsu lejn l-istorja naraw x’opri kbar ta’ inġinerija nbnew biex jiġi ppriservat l-ilma f’Malta, fosthom l-bini ta’ l-akwadotti, mtieħen tar-riħ etc. Ilum, b’dispjaċir nistgħu ngħidu li l-akwadotti m’għadhomx jgħaqdu l-funzjoni tagħhom. Imma, llum għandna sistema ta’ reverse osmosis. Din is-sistema daħlet l-idea f’moħħ l-individwu li l-ilma hu riżorsa infinita u li din tista’ taħli minnha kemm trid, għax tħallas u jkollok.

Alfred kompla billi qal,“imma l-ippjanar u l-immaniġġjar ta’ l-ilma, għall-llum u għall-għada huma sostenibbli? l-ilma għadu ta’ kwalitá tajba?

Jekk wieħed iħares madwaru, l-aktar fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta, hemm insibu ħafna rziezet, li qed jerħu numru ta’ nitrati fl-ilma tal-pjan, bl-ingliż ngħidulu leaching, fejn l-ilma ta’ xita jitħallat ma l-iskart ta’ l-annimali li minnu jipproduċi nitrati li joskuraw fl-ilma tal-pjan. Veru li għandna regolamenti u direttivi, imma veru ukoll li nitrati li hemm fl-ilma huma kbar. Tant huma kbar li li f’ċertu nħawi mhuwiex tajjeb għax-xorb. 

Ħafna ilma qed jintilef minħabba n-nuqqas ta’ pjan nazzjonali għall-ħażna ta’ l-ilma. Wieħed jitħasseb kemm il-ħxejjex li qed jitkabbru fir-rawndebawts huma sostenibbli f’dak li hu użu ta’ l-ilma. S’intendi dawn huma lkoll problemi, ta’ nuqqas ta’ pjan fit-tul. Wieħed jistaqsi kemm jagħmel sens loġiku li tippurifika l-ilma tad-drenaġġ u titfgħu fil-baħar, meta mbagħad nerġgħu ntellgħuh bir-‘reverse osmosis’. Singapore l-ilma ta’ drenaġġ jgħaddi 7 darbiet minn proċess ta’ purifikazzjoni u ‘użu’ qabel ma jintrema l-baħar, u Malta narmuh mill-ewwel.

Alfred E. Baldacchino għalaq id-diskussjoni tiegħu billi qal li jeħtieġ li f’Malta jkollna ‘water policy’. Jekk nibqgħu ma nieħdux azzjoni minnufih u nkomplu għaddejjien biss bid-diskors, l-ilma se nispiċċaw “nibkuh”, temm jgħid l-espert.

 

James Debono: Imma wieħed jistaqsi minn hu responsabbli ta’ l-ilma?

L-inġinier Anthony Rizzo mill-Awtoritá Maltija għar-Riżorsi qal li f’Malta stress index hija ta’ 60%. Li jfisser li f’Malta l-iskarsezza ta’ ilma hija għolja. (10% hija moderata u bejn 20 u 40% hija l-medja). Fis-sena ‘ras għal ras’ ilma disponibbli hemm 67.5 metri kubi, imma jekk nieħdu azzjoni biex ntejjbu s-sitwazzjoni din titla għal 132 metri kubi. L-Inġinier semma li fil-preżent qed ntellgħu ilma aktar milli jintef, u dan mhux sostenibbli.

L-inġinier semmgħa li fil-preżent qed isir proġett pilota ġewwa żona ta’ Bulebel. Dana jinvolvi l-bini tal-impjant ta’ trattament, fejn hemmhekk qed isir proċess ta’ purifikazzjoni, b’mod professjonali, ta’ l-ilma tad-drenaġġ. Il-proċess jinvolvi t-testjar kontinwu ta’ l-ilma, f’ġiebji mibnija apposta, għal sena sħiħa. Dan il-proġett qed jitmexxa mill-MRA u jifforma parti minn proġett Ewropej MEDIWAT, li għandu jiġi konkluż fl-2013.

Sa llum l-ilma trattat qed jintefgħa kollu fil-baħar. B’dan il-proġett parti minn dan l-ilma ser jintefgħa lura fl-akwafers. S’intendi qabel ma jintefgħa l-kwalita ta’ l-ilma jrid jilħaq standards għoljin.

Il-problema hi fl-ilma ta’ drenaġġ nstabu traċċi mhux ħażin ta’ antibojotiċi u kimika oħra bħal thinner. Dana juri li l-familji qed jbattlu dawn ir-reċipjenti fi toilet. Allura hemm bżonn aktar edukazzjoni, f’dak li jistá u dak li ma jistax. Irridu noħolqu wkoll alternattiva ta’ kif individwu jistá jiddisponi minn dawn il-kimiċi, f’reċipjenti apposta.

L-Inġinier Rizzo għalaq d-diskors fejn saħaq li għalkemm l-użu ta’ l-ilma trattat hi parti mill-istrateġija ta’ MRA biex nindirizzaw l-problema ta’ l-ilma, l-politika ‘vera’ għandha tkun l-effiċċjenza u użu aħjar ta’ l-ilma minn kullħadd.

Marco Cremona beda diskors tiegħu b’appell sabiex tidħol fis-seħħ liġi speċifika dwar l-ilma tal-pjan ‘water policy’, li l-għan tagħha jkun li tiġi ssalvagwardjata riżorza tal-ilma. Il-liġi għandha tistabilixxi b’mod ċar minn hu l-amministratur ta’ l-ilma tal-pjan u responsabiltajiet sabiex din tiġi protetta. Hu kompla biex qal li f’Malta l-poplu għadu mhux japprezza l-importanza ta’ din ir-riżorza, u jinkwieta biss dwar l-ilma b’rabta’ mall-kontijiet.

F’Malta skond statistika nazzjonali, kull minuta jiġi kkonsmat ma’ 40,000 litru ilma. Bħala persentaġġ l-istatistika turi li fuq livell nazzjonali l-provvista tal-ilma hi ta‘ 55% ilma tal-pjan u 45% mir-reverse osmosis, imma jekk tinkludi s-settur industrijali u agrikolu l-ammont ta’ estrazzjoni ta’ ilma tal-pjan jlaħħaq 65%.

Kompla biex qal li l-kultura tal-bjar f’Malta, li writniha minn żminijiet l-imgħoddija tlifniha. Il-ġenerazzjoni ta’ llum saret tirraġuna li l-ilma mhux problema għax tiftaħ il-vit u l-ilma se ssib żgur għax għandna s-sistema tar-‘reverse osmosis’.

L-idrologu Marco Cremona wera tħassib tiegħu dwar l-ilma tal-pjan, u saħaq li dan sejjer lura, kemm fuq l-ammont li fadal maħżun (li skond studji fadal biss ma 1.5biljun metru kubu) u kemm fuq il-kwalitá, li kullma jmur qed tmur lura, minħabba l-estrazzjoni bla limitu mis-settur privat u l-ammont dejjem jiżdied ta’ nitrati li jidħlu ġo fih.

Sa 2015 il-pajjiż wkoll irid jħares l-obbligi Ewropej, li jġib l-ilma tal-pjan fl-livelli tajba u ta’ kwalitá, għalkemm fuq din l-Idrologu jaħseb li qegħdin tard wisq.

Marco Cremona kkritika wkoll is-sistema tal-boreholes f’Malta li hi waħda nsostenibbli. Marco għalaq id-diskussjoni billi wera t-tħassib tiegħu fil-proċess tal-installazzjoni tal-water meters ma’ boreholes privati. Kompla biex qal li tant ir-ritmu għaddej b’mod kajman li meta jibdew jittieħdu l-miżuri jkun tard wisq, għax l-ilma jkun ġa tmellaħ u ma jkun tajjeb għalxejn. 

Minn naħa tal-bdiewa Peter Axisa esprima d-dubji tiegħu dwar l-installazzjoni ta’ water meters ma’ boreholes ‘agrikoli’, u saħaq li l-interess tal-bidwi mhuwiex li jaħli l-ilma, aktar u aktar meta l-bidwi stess qed jinvesti f’bini ta’ ġiebja sabiex jaħżen l-ilma. Hu tenna li mhuwiex minnu meta jingħad li l-bdiewa qed jtellgħu l-ilma b’xejn, u qal li biex tagħmel dan hemm spiża magħha li l-bidwi jrid jħallas, iġifieri l-ilma mhux b’xejn.   

Mill-udjenza tkellmet Jacqueline Chircop mill-Moviment Azzjoni Xellug fejn din għamlet referenza għall-konsum ta’ l-ilma bbottiljat u staqsiet x’inhu jġiegħel il-poplu jikkonsma dan it-tip ta’ ilma u nafu kemm qed jiġi kkonsmat fis-sena minn dan l-ilma? 

David Pisani f’isem l-għaqda Xellugija Żminijietna ngħaqad fl-appell ‘ġust’ favur liġi dwar l-użu u l-preservazzjoni ta’ l-ilma. Saħaq li l-ilma għandu jibqa’ jiġi klassifikat bħala wieħed pubbliku. Mhuwiex ġust li kumpaniji privati jtellgħu l-ilma b’mod insostenibbli u ma jħallsux għalih. Fir-rigward ta’ l-agrikoltura, iva bħala għaqda nemmnu li l-agrikoltura għandha tibqa’ tiġi ssalvagwardjata, imma dan għandu jsir b’mod sostenibbli. Fir-rigward għal użu pubbliku, iva nemmnu li l-użu bażiku għandu jiġi ssalvagwardjat u l-ħela penalizzata.

Antonio Dato mill-qasam Trejdjunjonistiku tkellem sabiex titqajjem aktar kuxjenza dwar l-użu aħjar ta’ l-ilma. Hu suġġerixxa li l-affarijiet ma jieqfux hawn wara dan is-seminar, imma jitkomplew sabiex jingħata aktar għarfien f’dak li jkun għaddej f’dan il-qasam. Il-poplu tajjeb li jkun informat u edukat jekk irridu bidla fil-mentalitá. Irridu nifhmu li l-ħaddiema jilgħabu parti mportanti biex nindirizzaw il-bidla fil-klima u l-użu aħjar ta’ l-ilma, f’dak li huwa għarfien, ħidma, innovazzjoni, riċerka u kontribuzzjoni f’taxxi sabiex jsiru l-proġetti.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Lura ghall-pagna: Diskussjonijijiet Publici