“L-Gholi tal-Hajja”

3 ta’ Ottubru 2009

 

Rapport dwar Diskussjoni organizzata minn Zminijietna

Id-diskussjoni dwar l-gholi tal-hajja sehhet fit-3 ta’ Ottubru 2009, u kienet it-tlettax mis-sensiela ta’ diskussjonijiet pubblici dwar temi politici u socjali li qed jigu organizzati minn Zminijietna.

Il-kelliema prinċipali, Tony Zarb, Gejtu Vella u Saviour Rizzo qajmu punti li huma ta’ importanza kbira jekk verament irridu li ssir azzjoni konkreta kontra l-għoli tal-ħajja. Kif fisser James Debono, li mexxa d-diskussjoni, teżisti dik li hu ddefinixxa bħala “l-anomalija Maltija”, fejn il-ħajja għoliet anke fi żmien ta’ riċessjoni, meta suppost il-prezzijiet jorħsu.

Hemm ħafna fatturi li jistgħu jwasslu għall-għoli tal-ħajja, fosthom iż-żieda fil-prezz tal-produzzjoni, li tinkludi wkoll il-pagi tal-ħaddiema. Iżda x’għandna nippretendu? Li l-ħaddiema ma jitolbux żidiet fil-pagi meta ma jistgħux ilaħ-ħqu mal-għoli tal-ħajja?

U rridu ngħiduha kif inhi. Filwaqt li bosta aspetti tal-għoli tal-ħajja ġejjin mis-swieq barranin, hemm oħrajn li għalihom il-Gvern Malti għandu x’jaħti. Bħalma diġà ktibt f’artikli preċedenti f‘l-orizzont, hemm il-mod traskurat u xejn ġust kif il-Gvern impona l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Iżda hemm ukoll affarijiet oħrajn, fosthom il-mod kif il-Gvern qabad u neħħa s-sussidji fuq il-gass u kif il-Gvern żied l-ispiża tiegħu b’deċiżjonijiet irresponsabbli għal raġunijiet elettorali fost oħrajn. Dan il-Gvern ukoll għandu x’jaħti għall-fatt li jagħti wisq libertà lill-importaturi tal-prodotti biex jgħolli l-prezzijiet, biex b’hekk jaħdmu b’tendenzi monopolistiċi. Kulħadd jaf x’inhi l-inklinazzjoni politika ta’ bosta importaturi kbar.

L-għoli tal-ħajja f’pajjiżna mhijiex xi invenzjoni rħisa għal skopijiet partiġġjani. Kif spjega tajjeb Saviour Rizzo (miċ-Ċentru dwar l-Istudji tax-Xogħol fl-Univeristà ta’ Malta), il-‘purchasing power’ f’Malta huwa 67% ta’ dak medju fl-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li għal kull €1 li ċittadin medju jonfoq fl-UE, ċittadin Malti għandu €0.67.
Rizzo spjega wkoll li ħlief għas-sena 2001 – meta kien hemm il-ftehim kollettiv fis-settur pubbliku – f’Malta qatt ma kien hemm rata ta’ żieda fil-pagi li hi aktar mir-rata ta’ produttività. Dan juri li anke meta jingħataw żieda, il-ħaddiema konċernati effettivament qegħdin jiġu sfruttati iktar għax, per eżempju, għal kull €1 żejda li jaqilgħu, jipproduċu ngħidu aħna €2 żejda.

F’dan il-kuntest, wieħed ma jiskantax bir-riċerka tas-soċjologu Godfrey Baldacchino li turi li huma biss wieħed minn kull erba’ ħaddiema fis-settur privat li huma koperti bi ftehim kollettiv, u ħafna minn dawn il-ħaddiema huma kkonċentrati fis-setturi tal-manifattura u l-finanzi, fejn hemm rappreżen-tanza qawwija tal-unjins tal-ħaddiema.

Għalhekk, kif qal tajjeb Tony Zarb f’isem il-General Workers’ Union, ir-rappreżentanza tal-unjins hija essenzjali biex il-ħaddiema jingħataw dak li ħaqqhom bħala kumpens għall-għoli tal-ħajja, speċjalment me-ta huma bosta s-sidien u rap-preżentanti tagħhom li jridu li l-Gvern ma jonorax il-ftehim storiku dwar il-kumpens tal-għoli tal-ħajja (COLA).

Kien ta’ pjaċir għal dawk preżenti għal din id-diskussjoni li Tony Zarb u Gejtu Vella qablu li m’għandniex inħallu s-sidien jheddu bl-impjiegi tal-ħaddiema meta jressqu l-proposti tagħhom. Nittama li dan jawgura tajjeb għall-pożizzjoni komuni kontra politika anti-soċjali li qiegħda tiġi proposta mill-kamp oppost.

Fost il-kummenti li qamu mill-partecipanti, David Pisani, li tkellem f’isem Zminijietna Lehen ix-Xellug, qal li f’Malta wiehed isib zieda kemm ta’ xoghol prekarju kif ukoll ta’ l-gholi tal-hajja. Sahaq li l-banek qed jghollu l-hajja u li servizzi bazici gew privatizzati. ‘L-unjins ghandhom ikollhom front komuni fuq  kwistjonijiet relatati ma’ servizzi bazici bhall-gass, id-dawl u l-ilma. Ma rridux imorru lejn it-triq ta’ “ifred u saltan”’.

Michael Briguglio, f’isem Alternattiva Demokratika qal li l-prekarjeta’ qed tinstab f’kull livell tas-socjeta’, inkluz f’xoghol professjonali. ‘Haddiema li qeghdin fuq kuntratt mhux biss ghandhom pagi baxxi, izda ukoll ma jistghux jippjanaw sew ghall-futur taghhom’.

Alfred Vella saqsa jekk il-COLA ghadhiex kredibbli fil-mod kif tigi kkalkulata u jekk l-istatistika li tintuza hijiex tassew rapprezentattiva.. Fakkar li din taghti kumpens ghas-sena ta’ qabel.

Carmen Caruana, f’isem il-Moviment Graffitti saqsiet jekk hemmx xi hadd li qed jipprotegi lill-immigranti, li kemm il-darba huma l-iktar li jbaghtu minhabba l-gholi tal-hajja..

F’din id-diskussjoni pubblika ħarġu bosta konklużjonijiet biex niġġieldu tassew l-għoli tal-ħajja. Fost affarijiet oħrajn, wieħed jistenna li f’pajjiż b’suq żgħir li hu ddominat minn ftit kumpaniji li jridu jimmassimizzaw il-profitt akkost ta’ kollox, il-Gvern ikollu rwol akbar biex jiddefendi l-interessi tal-ħad-diema, pensjonanti u l-familji tagħhom.

Konklużjoni oħra hi li l-“baqar sagri” tal-privatizzazzjoni u l-liberalizzazzjoni ma jistgħux jibqgħu jitqiesu b’mod fundamentalist. Hemm eżem-pju fejn dawn irnexxew, iżda fl-istess ħin hemm wisq eżempji fejn dawn wasslu għal prezzijiet iktar għoljin u kundizzjonijiet ta’ xogħol agħar. F’kuntest fejn qed jiżdied ix-xogħol prekarju mhux biss fis-saffi l-baxxi iżda anke fost ħaddiema profes-sjonisti, nittama li l-unjins tal-ħaddiema jsemmgħu leħinhom iktar kontra dan il-fenomenu ġdid.

Konklużjoni oħra hi li f’pajjiżna jeħtieġ li jkun hawn għaqda tal-konsumatur b’saħħitha. Għal darb’oħra, l-involviment tal-unjins tista’ sservi ta’ xprun għal dan il-għan, biex nevitaw li jkollna xi għaqda oħra taparsi awtonoma iżda fil-verità kkontrollata mill-Gvern.

“L-anomalija Maltija” ta’ għoli tal-ħajja fi żmien ta’ riċessjoni mhuwiex biss fenomenu ekonomiku. Huwa wkoll wie-ħed politiku, għax l-ekonomija ma timxix waħedha. Għandha bżonn qafas legali u regolatorju fost oħrajn.

image

 

costoflivingphoto

Lura ghall-pagna: Diskussjonijijiet Publici