Diskussjoniji Publika -‘ Ir-Riforma tal-COLA’

9 ta’ April 2011

 

Id-diskussjoni pubblika dwar ir-Riforma tal-COLA ittellgħat fi 9 ta’ April 2011 ġewwa 60a, Triq id-Dejqa, l-Belt Valletta u kienet it-tmintax mis-sensiela ta’ diskussjonijiet pubbliċi dwar temi politiċi u soċjali li qed jiġu organizzati minn Żminijietna.

Il-kelliema prinċipali kienu Michael Parnis (GWU), Jesmond Bonello (UHM), Michael Pace Ross (Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika) u Benny Borg Bonello (Għaqda tal-Konsumatur)
Mexxa d-diskussjoni l-ġurnalista James Debono.

Micheal Pace Ross beda diskussjoni billi ta’ rendikont ta’ kif jinħadem il-mekkaniżmu tal-COLA minn l-att ta’ statistika. Semma li meta pajjiżna addotta l-Euro, kienet ittieħdet id-deċiżjoni f’2008, li jsir Household Budgetary Survey ieħor. L-aħħar wieħed li kien sar kien fi sena 2000.

Il-HBS jsir billi jiġi kkalkulat il-konsum, f’dik li hi nefqa ta’ kuljum, ta’ 3,700 household li hu l-ekwivalenti ta’ 10,000 persuna. Dawn 3,700 household jirrapreżentaw l-popolazzjoni Maltija. Kull familja li tipparteċipa fis-servej tkun trid tniżżel ta’ kuljum kullma tonfoq għal ġimgħatejn sħaħ. Fl-aħħar tas-sena l-informazzjoni tinġabar kollha u l-konsum jiġi kklassifikat f’kategoriji u minn hemm noħorġu l-persentaġġi ‘average basket of consumption’,  għal dak li hu konsum ta’ l-ikel, transport, enerġija, ħwejjeġ, mediċina etc.  

James Debono saqsa jekk hemmx il-ħsieb li Household Budgetary Survey jibda jsir aktar spiss?

Michael Pace Ross qal li fil-maġġoranza tal-pajjiżi l-HBS ma jsirx regolarment, imma hemm pajjiżi oħra li jagħmluh regolarment, jsejħulu ‘rolling household budgetary survey’, fejn ta’ kull sena jsiru l-aġġustamenti. Xejn ma jeskludi li fil-futur f’Malta il-HBS jibda jsir aktar ta’ spiss. Bħalissa dana jsir kull 5 snin.

Tajjeb ninnotaw wkoll li hemm ċertu nfieq li ma jiġix maqbud mill-HBS. Dan l-fenomenu nsejħulu ‘under reported’, bħal l-infieq fuq l-alkoħol, s-sigaretti, droga u prostituzzjoni. (Dana minħabba l-illegalita ta’ l-istess prodott. Fattur ieħor hu li persuna f’ħafna drabi tiddejjaq tgħid li tikkonsma dak l-ammont, allavolja teżisti sekretezza assoluta fis-servej). NSO tosserva wkoll il-bidliet fil-prezzijiet ta’ 9000 prodott, l-aktar li jiġu kkonsmati mill-konsumaturi Maltin. (Ma dawn hemm nkluż l-ilma, d-dawl u l-gass)

Tkellem ukoll Benny Borg Bonello mill-għaqda tal-Konsumaturi fejn qal li l-konsumatur jħares lejn l-għoli tal-ħajja b’mod differenti, kollox jiddependi minn kemm ikollu x’jonfoq. Hemm affarijiet li jinxtraw ta’ kuljum u hemm oħrajn le, imma dawn wkoll jġorru ċertu piż fuq il-paga, eż ix-xiri ta’ karozza, insurance, etc. L-istatistika turi li l-konsum ta’ l-ikel naqas. Niftakar qabel dan kien jlaħħaq 40% tal-paga. Llum dan niżel għal 21.5%.  S’intendi kull mekkaniżmu għandu d-difetti. HBS turi biss it-tendenzi li jkun qed iseħħu f’dak li hu nfieq.

James Debono saqsa lil Unjins jekk humiex sodisfatti bil-mekkaniżmu tal-COLA.

Michael Parnis (GWU) qal li jekk issaqsini jekk aħniex sodisfatti, ngħidlek li le. S’intendi kieku m’għandniex il-COLA nkunu agħar. Imma żgur li għad baqa’ affarijiet xi ntejbu fil-mekkaniżmu. Tajjeb ninnotaw li l-konsum ta’ l-ikel jlaħħaq 20% ta’ dak kollu li jiġi kkonsmat f’Malta. F’dak li hu ħwejjeġ u żraben il-konsum huwa ta’ 7.1%. L-enerġija hi ta’ 3.36% u l-mediċini 3.21%..etc. Iż-żieda għal għoli tal-ħajja tinħadem fuq dik li hi l-inflazzjoni. Il-ħaddiema dejjem qed jieħdu ż-żieda għall-għoli tal-ħajja b’sena b’lura. Iġifieri
l-kumpens għal għoli tal-ħajja mhux wieħed realistiku.

Importanti li kalkoli li jsiru biex tiġi stabilita l-inflazzjoni minflok jinħadmu bejn Jannar u Diċembru, jibdew isiru bejn Ottubru u Ottubru ta’sena ta’ wara. Id-differenza fil-prezz tkun l-aktar fl-ewwel perjodu ta’ sena, filwaqt li fl-aħħar tas-sena l-prezzijiet jkunu stabilixxew ruħhom. Naqblu bħala Unjin li HBS jsir aktar ta’ spiss. Il-fatt li ċertu konsum ta’ prodotti ma jiġiex irrapurtat taħdem kontra l-istess ħaddiem.

Tajjeb nikkunsidraw jekk l-pensjonanti għandhomx ikollhom HBS għalihom. Ez hemm differenza bejn l-ammont ta’ flus li jonfqu l-anzjani fil-mediċina u persuna oħra ta’ eta iżgħar.  Kompla biex qal li l-poplu Malti jonfoq 3.3% f’dik li hi enerġija, aħna naħsbu li l-poplu jonfoq ferm aktar.

Michael Pace Ross qal li din irridu noqgħodu attenti rigward li jkun hemm HBS separat għal anzjani għax dana jaf jahdem bil-kontra. Kull anzjan għandu l-bżonnijiet individwali tiegħu li jvarjaw minn wieħed għal ieħor.

Jesmond Bonello, UHM qal li jaqbel ma suġġeriment li HBS għandu jsir aktar ta’ spiss, għax iż-żidiet mhux qed jirriflettu b’mod realistiku. Naqblu wkoll li l-inflazzjoni tibda tiġi stabilita  bejn il-perjodu ta’ Jannar u Diċembru. Din tnaqqas parti mid-diskrepanza li teżisti fiż-żieda għal għoli tal-ħajja.

Tajjeb ukoll li ninnotaw li l-mekkaniżmu ta’ COLA għadu qed jinħadem bil-munita Maltija, u għalhekk jeħtieġ li neqilbu l-kalkolu għal Ewro, sabiex r-riżultat finali jkun aktar realistiku.

Jesmond Bonello kompla billi qal li 1990 kien sar l-ewwel kalkolu tal-COLA, fejn minn dak inhar ġie definita l-paga bażika, magħrufa bħala minimum wage (iddaħlet f’Malta 1974). Paralela miegħu kienet nħolqot id-definizzjoni tal-paga soċjali, li tinkludi fiha l-paga bażika u l-benefiċċji soċjali. Ir-realta hi li l-affarjiet llum huma differenti minn dak iż-żmien, allura tajjeb li ssir analizi tal-paga bażika. Tajjeb li jsir studju dwar ir-relattivita tal-paga bażika ma l-paga soċjali, sabiex din tirrifletti l-aspettattivi ta’ llum. S’intendi jekk jirriżulta li l-paga bażika trid togħla sabiex tirrifletti d-dinja ta’ llum, allura ż-żieda ta’ COLA ser tkun aktar, għax fuqha jinħadem il-mekkaniżmu.

James Debono: Kif nistgħu nikkonfrontaw il-fattur internazzjonali ta’ żieda fil-prezz ta’ l-enerġija u ċereali?

Michael Pace Ross qal li biex nikkalkulaw dan, li jrid isir hu li jidħol fis-seħħ ‘rolling household budgetary survey’. La darba jinbeda imma, ma tistax twaqqfu. Dana jinvolvi ukoll ammont konsiderevoli tar-riżorsa umana u anka finanzjarja. Iġifieri l-familji ser jkollok tintervistahom aktar ta’ spiss. Il-fatt li numru ta’ households f’Malta hu wieħed limitat, allura dana ser jkun ta’ nkonvenjent għall-familji, minħabba li dan ser jiġu ntervistati aktar minn darba. S’intendi kull familja li toqgħod ghall-intervista titħallas ta’ dan.

James Debono: L-Employers jħarsu lejn il-mekkanizmu tal-COLA bħala aktar spejjez, x’taħsbu fuqha din?

Michael Parnis (GWU) qal li dan huwa argument li dejjem jingħad minn Min iħaddem, imma kieku vera hekk, kieku llum lanqas għandna ħaddiema jaħdmu. Tajjeb ninnotaw li llum għandna tlett sistemi li bihom ntejbu l-livell ta’ l-għixien tal-ħaddiema. Dawn huma l-COLA, il-ftehim kollettiv u l-‘wage increments’ li lkoll iżidu fid-dħul tal-ħaddiem. Fil-każ tal-COLA din ġabet stabilita industrijali. Fl-1974 din kienet ta’ 10 liri Maltin (minimum wage). F’dawk iż-żminijiet kienet f’idejn il-Gvern li jiddeċiedi ż-żieda ta’ l-għoli tal-ħajja, bil-konsegwenza li kellna perjodu fejn il-Gvern daħħal il-‘wage freeze’, (dan sar mill-1983 sa 1987 u anka fl-1989). Dan il-fenomenu wassal għall-instabilita industrijali fejn hemm kellna l-famuż każ ta’ Phoenicia, fejn il-ħaddiema spiċċaw tilfu l-impjieg għax b’mod leġittimu strajkjaw sabiex huma wkoll jingħataw żieda fil-paga. Il-COLA jekk xejn ġabet armonija Industrijali.

Suġġeriment tajjeb hu li nibdew nikkalkolaw iż-żieda ta’ l-għoli tal-ħajja ma l-paga medja, li hi l-average wage tal-pagi kollha tal-ħaddiema f’Malta. Dan skond il-kalkoli tagħna jkun jfisser żieda doppja. Igifieri il-ħaddiem minn €1.16 fil-ġimgħa kien jieħu €2.32 fil-ġimgħa.

Benny Borg Bonello fuq dan il-punt qal li l-Gvern suppost hu regulator li jara li l-prezzijiet ma jogħlewx b’mod esaġerat, la għandek suq kompetittiv. Eż minħabba li regulatur fil-qasam tal-gass m’għamilx xogħlu sew, kif suppost għandu jagħmel spiċċajna farsa kbira għad-detriment tal-konsumatur. L-Awtoritajiet regulatorji mhumiex jgħaqdu l-funzjonijiet tagħhom.

Jesmond (UHM) qal li rridu naraw għala ċertu prodotti qed jogħlew, f’bħal fil-każ tal-mediċina, għax allura jkun għalxejn li nitħabtu biex tingħata ż-żieda għal għoli tal-ħajja biex mbagħad nibqgħu naraw żieda qawwija fil-prezzijiet essenzjali.

Minn fost in-nies preżenti għad-diskussjoni, Michael Camilleri qal li għandna nagħtu każ l-aktar mhux fuq kemm qed togħla l-ħajja imma kemm qed tiġi tiswilek. Eż jekk togħla l-ħobża u peress li din ta’ kuljum trid tixtriha, allura ħa tonfoq aktar. Qal ukoll li tajjeb ninnotaw li fil-Patt ta’ Governanza Ewropea hemm theddida qawwija wkoll għas-sistema tal-COLA u l-ftehim Kollettiv.

Iż-żewg rappreżentanti ta’ l-Unjins irrikonoxxew li l-Pakkett ta’ Governanza hu theddida diretta għall-ħaddiema u l-familji tagħhom. Innotaw b’dispjaċir it-triq anti-soċjali li qabdet l-Unjoni Ewropea.

Alfred Vella saqsa jekk hux qegħdin nieħdu kollox b’mod xjentifiku. Jekk hu hekk allura x’inhu dak il-fattur li qed iġgħiel il-familji jnaqqsu fil-konsum ta’ l-ikel. X’inhu dak il-fattur li qed iġgħiel in-nies inaqqsu fil-konsum ta’ l-energija, hi waħda ta’ responsabilta’ jew minħabba fatturi soċjo-ekonomiċi tal-familja?

Michael Pace Ross rrimarka li l-ftuħ tal-farmers market u ta’ aktar discount supermarkets żgur li se jħallu mpatt f’dik li hi statistika f’dak li hu konsum ta’ l-ikel.

Mario Mifsud qal li rridu nsaħħu aktar l-mekkaniżmu tal-COLA billi nagħmluh aktar dinamiku. Ejja ma naqawx għal iżball li ngħidu li bil jew minghajr l-COLA l-istess. Dan hu l-argument ta’ dawk li bl-iskuża ta’ globalizazzjoni u neo liberaliżmu jridu jkissru l-mekkaniżmu tal-COLA.

David Pisani, PRO ta’ Zminijietna – Lehen ix-Xellug qal li tul dawn l-aħħar għaxar snin l-Unjoni Ewropea mbarkat lejn direzzjoni ‘anti-soċjali’ msejsa fuq il-ħsieb neo liberali. Ix-xogħol ‘atipiku’ jew f’kelma oħra prekarju qed wkoll jbaxxi l-livell ta’ l-għixien. Irridu naħdmu sabiex l-paga minima togħla.

Fir-rigward ta’ l-COLA u l-prezzijiet tal-enerġija, jkun aktar ġust jekk il-Gvern jagħti ħlas ta’ darba lil kull familja, li tmur lura mill-1 ta’ Ottubru 2010, kif ukoll kwalunkwe żieda fil-prezzijiet tal-enerġija għandhom ikunu riflessi b’mod realistiku fiż-żieda ta’ l-għoli tal-ħajja. Ħafna familji qed jagħmlu ħilithom biex inaqqsu mill-konsum tagħhom, iżda jibqa’ l-fatt li l-konsum bażiku huwa essenzjali fil-ħajja ta’ kuljum. Nhossu li huwa nġust li minhabba l-‘means testing’ hafna familji bi dħul baxx u pensjonanti qed jkunu mċaħħda mid-dritt għal kumpens. Il-Gvern għandu jadotta politika li tipproteġi l-konsum bażiku, filwaqt li tippenalizza l-ħela.

(Ricenti l-Gvern habbar li 66, 000 persuna bi dhul baxx u dawk fuq assistenza socjali ser jinghataw kumpens ta’ darba li b’kollox ilahhaq l-€4 Miljun. Fir-rigward ta’ riforma ta’ COLA sa llum ghad ma thabbar xejn)

riformakola

     

 

Lura ghall-pagna: Diskussjonijijiet Publici